Joseph Carabott, il-vittma ta’ hold-up fiż-Żurrieq f’Awwissu li għadda, għadu ma jistax jikkomunika.
Dan intqal mill-espert mediku Mario Scerri, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ tliet persuni li allegament wettqu din is-serqa minn ħanut fiż-Żurrieq.
Intqal li l-vittma sofra ġrieħi rasu wara li allegament l-imputati tawh xebgħa, waqt li rabtuh x’ħin għamlu dan il-hold-up.
Meta fil-Qorti mistoqsi dwar x’inhuma ċ-ċansijiet li jirkupra minn dawn il-ġrieħi u jkun jista’ jixhed f’dan il-każ, it-tabib Mario Scerri tenna li Carabott jista’ jkun li ma jkunx jista’ jikkomunika.
F’din il-kumpilazzjoni ġew ippreżentati filmati tas-sigurtà li juru x-xena wara oħra ta’ x’ġara waqt din is-serqa. Dawn il-filmati wrew li l-imputati marru fuq il-post b’taxi, waqfu ftit ’il bogħod mill-ħanut, imxew għal fuq il-post, waqt li kienu lebsin hoodie. Intqal li l-imputati allegatament għamlu għoxrin minuta fil-ħanut.