Antoine Degabriele, ta’ 51 sena, li inqatel f’hit and run fl-4 ta’ Awwissu li għadda sofra diversi ġrieħi, fosthom ksur fis-sinsla ta’ daharu. Xehdu dan patologi fil-Qorti l-Erbgħa.
It-tobba Ali Salfranz u David Pisani xehedu li huma għamlu l-atopsja fuq ġisem Degabriele, jumejn wara li nqatel.
Aktar qabel, waqt l-istess seduta, xehed ukoll l-espert mediku forensiku, Mario Scerri. It-Tabib Scerri kien mar fuq il-post tal-inċident nhar il-5 ta’ Awwissu għall-ħabta ta’ nofsinhar, u sab il-katavru mimdud f’għalqa li kienet mdawwra b’ħajt baxx tal-ġebel.
It-tabib iċċertifika li l-vittma miet 12-il siegħa qabel, u li l-feriti fuq ġismu indikaw li sofra minn impatt qawwi. L-espert qal li Degabriele miet kawża ta’ dawk il-ġrieħi.
Dwar dan il-każ, Dean Donovan Frendo ta’ 23 sena jinsab mixli bi qtil involotarju, sewqan bl-addoċċ, li naqas milli jieqaf wara l-inċident kif ukoll li bagħbas l-evidenza. Huwa wieġeb mhux ħati għall-qtil involontarju.
Is-smiegħ tal-każ, li huwa ppersedut mill-Maġistrat Ian Farrugia, se jkompli f’Jannar.