Il-vittma tal-allegat ħtif fl-aħrax tal-Mellieħa probabilment ħarab minn Malta. Wara li l-ġimgħa l-oħra l-pulizija infurmat lill-Qorti li l-vittma kien għadu ma nstabx u t-tfittxija għalih kienet diffiċli, fil-Qorti l-Ispettur Jessica Bezzina kkonfermat li l-pulizija kienet għadha ma sabitx lill-vittma wara li dan xtara biljett ‘one way’ fuq katamaran. It-tlett irġiel mixlija bil-ħtif qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Numru ta’ pulizija xehdu dak li qalilhom dak li kien qalilhom il-vittma. Irrakkontaw kif allegatament l-akkużati waqqfu lill-vittma l-Mellieħa fejn wieħed minnhom qabadlu idu filwaqt li t-tnejn l-oħra ħadulu l-oġġetti li kellu fuqu.
Wara huma allegatament sfurzawh jidħol ġo karozza, ħaduh l-Aħrax tat-Tunnara fejn wara li rabtuh minn idu ma’ siġra u neżżgħuh, heddewh b’sikkina biex itihom il-password tar-Revolut. L-akkużati allegatament komplew jhedduh li ser ikun hemm konsegwenzi serji jekk ma jħallasx id-dejn li kellu filwaqt li wieħed mill-akkużati qabadlu l-partijiet privati.
Wara li l-Maġistrat Audrey Demicoli kompliet tisma’ x-xhieda marbuta mal-każ hija ddikjarat li kien hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.