Maria-Lourdes Agius mietet fgata. Dan ħareġ mix-xhieda tat-Tabib Forensiku Mario Scerri, fit-tielet jum tal-ġuri ta’ Michael Emmanuel ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju, li jinsab mixli bil-qtil tas-sieħba tiegħu fil-15 ta’ Settembru tal-2018.
Fix-xhieda tiegħu, it-Tabib Scerri qal li meta marru fuq il-post, kollox kien jidher normali u ma kienx hemm sinjali ta’ kommossjoni.
Huwa xehed li fuq is-sodda kien hemm il-vittma mgħottija b’liżar, b’wiċċha lejn il-ħajt u b’imħadda bejn wiċċha u l-ħajt.
It-Tabib Scerri xehed fil-Qorti li hu beda jeżamina l-katavru u sab tbenġil fuq wiċċha, f’għonqha u black eye fuq in-naħa tax-xellug.
Scerri xehed li meta eżamina l-katavru dakinhar li nstabet, hija kienet ilha mejta għal madwar tmien sigħat.
Xehed ukoll li fil-kamra mortwarja kien sab ukoll li, fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ xofftejha, kellha qsim u brix li jseħħ meta wieħed jifga.
Mill-awtopsja ħareġ ukoll li taħt il-qurriegħa, il-vittma kellha tbenġila kbira u emoraġija, b’dawn iseħħu qabel mietet.
Xehed ukoll li meta aktar tard eżamina lill-akkużat fid-Depot, ma sab l-ebda ġrieħi fuqu.