Il-Bulgaru li nstab f’Ta’ Qali mimli dmijja u b’bosta daqqiet ta’ sikkina lissen isem l-akkużat mal-pulizija u qalilhom li dak li aggredih joqgħod Ħ’Attard.
F’awla tnejn kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Elliot Paul Busuttil li qed ikun akkużat bl-attentat ta’ qtil b’daqqiet ta’ sikkina ta’ Bulgaru ta’ sebgħa u ħamsin sena.
Is-Supretendent Graziella Zammit spjegat kif nhar it-13 ta’ Awissu ta’ din is-sena kienet l-għassa tal-Ħamrun meta ġiet infurmata li daħlet telefonata fil-kamra tal-kontroll li kien hemm raġel mixħut mal-art fil-parkeġġ ta’ ħdejn il-grawnd nazzjonali. Hija kienet diġà infurmata li kien hemm żewġ pulizija oħra diġà fuq il-post u li wieħed minnhom kien pajżan.
Xħin wasslet, il-vittma kien diġà ttieħed l-isptar u bdiet minnufih tippreserva x-xena tar-reat.
Il-Pulizija Karol Spiteri spjega kif waqt tfittxija li kien qed jagħmel fl-akwati sab karozza tat-tip Opel Astra Bajda ġo passaġġ qrib ix-xena tar-reat. Stqarr kif pulizija ieħor sab papoċċa qrib il-karozza. Qal kif ftit wara ġo landa taż-żibel fil-qrib raw ċaruta bajda u ġo fiha kien hemm qisu manku. Xħin ġiet elevata qal kif sabu sikkina b’mannara tal-laħam.
Stqarr kif il-vettura kellha bieba tan-naħa ta’ quddiem tal-passiġġier miftuħa. Qal li marru wkoll f’residenza fl-akwati ta’ Santa Katarina f’Ħ’Attard fejn hemmhekk kienet diġà saret tfittxija mill-Pulizija.
Il-Pulizija Emerson Borg spjega kif fit-13 ta’ Awwissu spjega kif huwa nbagħat Mater Dei fejn il-vittma kienet qed issirlu CT scan u kien fil-periklu tal-mewt. Qal kif kienu tawh mobile tal-vittma li mbagħad għaddieh lill-Pulizija li daħal xogħol warajh u kien qallu li dak il-mobile kellu jinġabar mid-Dipartiment għall-Investigazzjonijiet Kriminali. Huwa spjega wkoll kif huwa ra l-vittma mgħotti b’liżar u ħafna demm ħiereġ.
Intant id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat iżda l-Prosekuzzjoni baqgħet toġġezzjona għaliex il-vittma għadu ma jiflaħx jitla’ jixhed.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima talbet lill-prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss tressaq fuq il-pedana tax-xhieda lill-vittma. Fin-nuqqas ta’ dan għandha tippreżenta ċertifikat mediku.
F’dan l-istadju, il-Qorti qalet li ser tkun qed tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest fis-seduta li jmiss.