Fid-9:15 ta’ dalgħodu l-Pulizija se jressqu lill-Kolumbjan ta’ 43 sena b’rabta mas-sejba makabra ta’ raġel ieħor li nstab imqatta’ f’bagalja f’Tas-Sliema.
Qalet dan il-Pulizija f’konferenza tal-aħbarjiet propju 48 siegħa wara li huma arrestaw lill-istess Kolumbjan u raġel ieħor mill-Portugall li nstab fl-istess residenza.
Matul il-konferenza, li ġiet indirizzata mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud intqal li l-Kolumbjan ġie arrestat ftit metri ‘l bogħod mir-residenza tiegħu f’operazzjoni delikata ferm.
L-Assistent Kummissarju spjega wkoll li fit-tfittxija li saret f’residenza oħra fl-Imsida, instabet mannara, li l-pulizija qed iqisuha bħala l-arma ewlenija. Hawn intqal li l-Pulizija qed jimxu fuq it-teorija li l-vittma nġarr minn din ir-residenza.
Il-Pulizija spjegaw li nhar it-Tnejn li għadda, għall-ħabta ta’ nofsinhar, persuni li kienu fuq dgħajsa fix-xatt ta’ Tas-Sliema lemħu bagalja suspettuża fil-baħar ’il barra mix-xatt.
Kien hawn li l-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn ġol-bagalja sabu fdalijiet imqattgħin ta’ raġel. Ir-raġel kien liebes biss ħarqa, u fil-bagalja kien hemm ukoll idejh u saqajh li kienu imqattgħin f’borża.
Minn hemm imbagħad, il-katavru ttieħed il-kamra mortwarja sabiex tkun tista’ ssir l-awtopsja fuqu. Minn l-istess awtopsja ħareġ li r-raġel kien diġà mejjet meta nqatgħulu idejh u saqajh.
Fl-istonku instablu 101 kapsola droga kokaina, filwaqt li minn eżamijiet oħra nstab li l-vittma miet fgat. L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija spjega li eżamijiet ulterjuri oħra għadhom għaddejjin biex jiġi identifikat il-vittma, bil-possibiltà kbira li huwa raġel ta’ 50 sena mill-Kolombja.
Intant il-Pulizija diġà ressqu lil raġel Portuġiż il-Qorti, fejn ġie mixli b akkużi ta’ traffikar tad-droga.