Filmati tal-kameras tas-siġurtà wrew kif il-vittma tal-inċident fatali ta’ hit and run fiż-Żejtun fil-5 ta’Awwissu li għadda spiċċa mtajjar mal-20 metru.
Dan ħareġ dalgħodu fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra Dean Donovan Frendo ta’ 23 sena, li qed jiġi akkużat li tajjar u qatel lil Antoine Degabriele fi Triq Anton Buttigieg fiż-Żejtun.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Ispettur Shawn Pawney, li spjega kif il-katavru tal-vittma ġie skopert minn xi ħadd li kien għaddej mit-triq.
L-Ispettur Pawney żied jgħid li, mill-għalqa ta’ ħdejn din it-triq, ġew irkuprati wkoll kard ta’ Tallinja u ż-żarbun tal-vittma. Qal ukoll li, madwar siegħa qabel ma nstab il-katavru, omm il-vittma għamlet rapport l-għassa li binha ma kienx wasal id-dar.
L-Ispettur qal ukoll li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni kunfidenzjali li kienet tgħid li s-sewwieq ta’ karozza tal-għamla Mazda, bi pjanċi tan-nunri speċifiċi, kien involut f’dan l-inċident.
B’dan ġie infurmat il-maġistrat inkwirenti u kien inħareġ mandat ta’ arrest għal Frendo.