Il-Villaġġ tal-Artiġjani f’Ta’ Qali ngħata dehra tal-Milied fejn mil-lum sal-Lejliet il-Milied se tittella’ fiera tal-Milied bi prodotti artiġjanali Maltin.
Christmas at the Artisan Village jkompli jagħti iktar viżibilità u promozzjoni lill-artiġjani, kemm dawk li fetħu n-negozju tagħhom hawn, kif ukoll oħrajn li ħadu din l-opportunità biex jippromwovu ruħhom permezz ta’ stalls li se jkunu f’dan il-villaġġ waqt dawn il-ġranet.
Minbarra l-artiġjani, se jkun hemm ukoll bosta attivitajiet għat-tfal, fosthom bouncing castle, treasure hunt u photobooths. B’hekk se tkun attività li jieħdu pjaċir biha kemm il-kbar kif ukoll it-tfal. Il-Christmas at the Artisan Village se jkun miftuħ kuljum, mill-17.00 sal-22.00 fost il-ġimgħa u mis-14.00 sal-22.00 fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri żar l-aħħar preparamenti għal din il-fiera. Huwa rringrazzja l-artiġjana li qed jieħdu ħsieb din l-attività. Huwa żar uħud mix-xogħlijiet tagħhom fil-Villaġġ ta’ Ta’ Qali.
Intant, ix-xogħlijiet fil-Villaġġ tal-Artiġjani f’Ta’ Qali għaddej b’ritmu mgħaġġel u sas-sena d-dieħla se jkun qed jitlesta l-Incubation and Interpretation Centre. Dan iċ-ċentru se jgħin ukoll biex ikompli jitkabbar u tiġi protetta parti essenzjali mill-kultura ta’ pajjiżna.
Is-sena d-dieħla, INDIS, l-entità responsabbli mill-Villaġġ tal-Artiġjani, se tkun qed tħabbar branding ġdid għall-Villaġġi tal-Artiġjani f’Malta u Għawdex. L-għan ta’ dan il-branding huwa li jagħti wiċċ ġdid lil dawn il-villaġġi, u jgħaqqad il-passat mal-preżent u l-futur.