Villa Gwardamanġa, magħrufa aħjar magħna l-Maltin bħala l-Villa tar-Reġina, għaddiet uffiċjalment għand il-Gvern bl-iffirmar ta’ ftehim li tpoġġi l-unika residenza rjali barra r-Renju Unit taħt il-protezzjoni ta’ Heritage Malta.
Għalkemm l-istorja ta’ Villa Gwardamanġa bdiet fis-seklu tmintax meta nbniet, l-aktar perjodu interessanti għaliha kien dak li fih, il-prinċipessa Eliżabetta u żewġha għexu fiha b’kirja.
“Din hija l-unika residenza Rjali ‘l barra mir-Renju Unit. L-unika residenza fid-dinja li fiha kienu jgħixu l-irjali, allura minnha nnifisha hija unika. Imma hija binja importanti u skedata.”
Mixja fid-dar storika waqt l-iffirmar tal-ftehim tatna togħma ċkejkna tal-ħajja li setgħet għexet hawnhekk il-prinċipessa. Heritage Malta żammet bosta kotba, statwetti u anke biċċiet tal-għamara, biex eventwalment toffri esperjenza unika lill-viżitaturi, kif spjega d-Direttur Eżekuttiv Mario Cutajar.
“Jiġifieri se nkunu qed nagħtu esperjenza li biha wieħed jesperjenza l-binja bħala residenza. Se nagħmlu ħilitna kollha biex nagħtu esperjenza ġdida. Din mhux se tkun waħedha imma hija l-bidu ta’ reġjun ġdid għal Heritage Malta.”
Dan ir-reġjun ġdid se jitfa’ aktar dawl fuq żmien il-Franċiżi f’Malta u l-istorja moderna tal-pajjiż, grazzi wkoll għall-pożizzjoni li ħa l-Gvern dwar Villa Frere, binja ffekwentata sew minn missier l-ilsien Malti, Mikiel Anton Vassalli.
“Għandna perjodu interessanti li rridu nesploraw, u Heritage Malta filfatt qed jippjana biex Villa Frere, għadha pit għada tkun il-Mecca tal-istorja tal-ilsien Malti.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera qal li l-gvern huwa sodisfatt immens bl-akkwist tal-villa tar-Reġina biex b’hekk inkomplu nippreżervaw l-esperjenzi ta’ missierijietna.
“Il-propjetà se tkun ass importanti għal Heritage Malta. Nieħu gost li din u Villa Frere li fuq inizjattiva tal-Minsteru tiegħi qed joffru postijiet sbieħ għaċ-ċittadini tal-Pietà u jelevaw il-prestiġju ta’ din il-belt.”