Il-Viċi Sindku Nazzjonalista taż-Żebbuġ Għawdex, Daniel Cordina, ġie mhedded u rikattat mill-Partit tiegħu stess minħabba kumment fuq Facebook fejn ikkontradixxa l-allegazzjonijiet infondati fuq l-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr li nxterdu mill-eks Deputat Jason Azzopardi u sussegwement ġew ripetuti minnufih mill-Partit ta’ Bernard Grech.
ONE News hu informat li, wara li qal li jista’ jaħlef li hu dejjem sab appoġġ mill-uffiċjali ta’ Transport Malta dwar tali rmiġġi u qatt ma ntalab iħallas jew ixaħħam lil xi ħadd, kif allega l-Partit Nazzjonalista, Cordina rċieva telefonata mimlija theddid u theżżiż tas-snien mid-Dar Ċentrali.
Sorsi minn ħdan il-Partit Nazzjonalista stess qalulna li t-Tlieta filgħodu mill-Istamperija ċemplu lil Cordina eżatt wara li ħarġet l-istorja fuq ONE News.
Jidher li Cordina l-ewwel intalab ineħħi l-kumment, għax kien qed iħarbtilhom l-istorja, kif irrapportata fuq l-ewwel faċċata tal-gazzetta Nazzjonalista Il-Mument il-Ħadd li għadda u li ġiet miċħuda minnufih.
Iżda meta, fuq in-naħa l-oħra tat-telefonata, jidher li Cordina ma dehrlux li għandu jagħmel dan, beda t-theddid serju. Skont is-sorsi, it-telefonata ma’ Cordina, li hu meqjus qrib ħafna tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, kienet imqanqla żżejjed.
Kien hawn li ssemmew xi stejjer li jistgħu jinħolqu dwar l-istess Cordina u x-xogħol li għandu mal-WasteServ biex jimbarazzawh.
Meta xorta baqgħu ma waslux mal-Viċi Sindku għall-iskop ta’ moħħhom, jirriżulta li ġie informat il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Nathaniel Attard, biex jintervjeni hu.
Mhux magħruf, iżda, x’kien l-eżitu ta’ dan, anke għax il-kumment ta’ Cordina, li jirredikola l-istorja mill-Partit Nazzjonalista, kien għadu pubbliku sat-Tlieta filgħaxija.