“Ninsabu impressjonati bil-preparazzjoni u l-impenn ta’ Malta.”
Dan kliem il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans f’laqgħa mal-Prim Ministru f’Kastilja.
F’din il-laqgħa ta’ kortesija, li għaliha kienu preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg, Timmermans innota kif l-Ewropa qed tistenna Presidenza li tkun flessibbli u li tadatta għal dak li jkun meħtieġ.
Mentalità, innota, li Malta qiegħda tadotta fil-preparamenti tagħha.
Ma naqasx kumment dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Viċi President tal-KE faħħar lill-Prim Ministru bħala wieħed li hu meqjus pożittivament ferm fost il-kollegi tiegħu Ewropej.
Prim Ministru li ddeskriviħ bħala bennej tal-pontijiet, fi żmien meta neħtiegu propju min jibni l-pontijiet, u mhux il-hitan.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li fil-preparamenti tagħha Malta qiegħda tkun realista u flessibbli, fi żmien meta jeħtieġ li ċ-ċittadini Ewropej iħossu li huma parti mill-Ewropa. Tenna li pajjiżna jinsab preparat jagħmel il-parti tiegħu, mingħajr illużjoniet.Tenna l-appoġġ ta’ pajjiżna għall-Kummissjoni Ewropea li taħdem b’mod realistiku, biex verament tindirizza l-kwistjonijiet li qed joltqu l-istati membri.
Aktar kmieni Timmermans ltaqa’ mal-Ministri Owen Bonnici u Carmelo Abela.