Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová nnutat ir-riformi sinjifikanti li wettaq il-Gvern Malti immexxi minn Robert Abela fl-aħħar sena.
Dan sostnietu fil-ftuħ ta’ diskussjoni fil-Parlament Ewropew dwar Malta, li kienet instigata mill-Ewro-parlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa flimkien ma’ Simon Busuttil li huwa l-assistent tal-Kap tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew, Manfred Weber.
Jourová, li qalet li żaret Malta kemm il-darba, innutat kif saru riformi fil-ġudikatura fosthom fil-ħatriet tal-ġudikanti, fejn il-Prim Ministru reħa l-poter minn idu u m’għadux involut fil-ħatra tal-ġudikanti iżda dawn jinħatru wara sejħa pubblika u wara li jgħaddu mill-għarbiel tal-Kummissjoni dwar il-Ħatriet tal-Ġudikanti.
Jourová semmiet ukoll kif l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni infatam u għandek dak tal-Avukat Ġenerali li jaħdem b’mod separat minn dak tal-Avukat tal-Istat.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-aħħar żviluppi fil-Qrati Maltin juru li l-prosekuzzjoni u l-ġustizzja taħdem f’Malta.
Innutat iżda li jeħtieġ iżjed effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja.
Qalet ukoll li l-Gvern Malti wettaq bosta riformi biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet li jiġġieldu l-korruzzjoni.