Il-Viċi President tal-Indja, Shri M. Venkaiah Naidu, nhar it-Tnejn se jagħmel żjara uffiċjali ta’ jumejn f’Malta. Fil-Palazz ta’ Sant’Anton huwa se jkollu laqgħa mal-President Marie-Louise Coleiro Preca fejn mistenni jiġi ffirmat memorandum of understanding bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Viċi President Indjan se jkollu wkoll taħdidiet mal-Aġent Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona u mal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo. Huwa mistenni jiltaqa’ wkoll mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Il-Viċi President Indjan se jindirizza wkoll laqgħa ta’ intraprendituri u negozjanti Maltin u se jiltaqa’ mal-membri tal-kommunità Indjana f’Malta.
Huwa se jżur ukoll postijiet ta’ interess kulturali u storiku.