Il-Viċi President Amerikan Mike Pence ħa t-tilqima kontra l-coronavirus pubblikament u b’mod dirett fuq it-televiżjoni. Fl-ewwel kummenti li ta, Pence qal li ma ħass xejn meta ingħata l-vaċċin. Flimkien miegħu tlaqqmu wkoll martu u l-Kirurgu Ġenerali Jerome Adams.
Il-White House qalet illi l-għan ta’ din il-pubbliċità hija biex tippromwovi illi l-vaċċin huwa effettiv u sigur biex b’hekk il-poplu Amerikan jkun aktar kunfidenti dwar il-vaċċin tal-Pfizer/BioNTech li beda jingħata fl-Amerika minn din il-ġimgħa.
Intant, it-tieni vaċċin kontra l-Coronavirus, dak ta’ Moderna, wasal biex jiġi approvat fl-Istati Uniti.
Il-Kap tal-Aġenzija Amerikana għall-Ikel u l-Mediċini, l-FDA, qal illi l-aġenzija waslet fl-aħħar fażi biex tippermetti lill-kumpanija Moderna tibgħat miljuni ta’ dożi tal-vaċċin lejn l-Istati Uniti.
Waqt li Pence kien qed jitlaqqam kontra l-vaċċin, Donald Trump fuq Twitter qal li l-vaċċin ta’ Moderna ġie approvat u li se jibda jitqassam daqt, minkejja li dan il-vaċċin għad irid l-approvazzjoni tal-FDA.