Għandna nikkunsidraw li pajjiżna jissieħeb f’armata Ewropea. Kienet din it-tweġiba li ta l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione f’dibattitu li kellu mal-President tal-Partit Laburista Ramona Attard fuq il-programm ta’ TVM, ‘Insights’.
Fil-programm, il-preżentatur Glen Falzon ittratta l-proposta ta’ armata Ewropea armata sa snienha, li qegħda tiġi mbottata mill-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, li hu affiljat miegħu l-Partit Nazzjonalista u l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, biex tkun lesta għall-gwerra u tikkollabora man-NATO.
Mistoqsi jekk jaqbilx ma’ din il-proposta, il-Viċi Kap Nazzjonalista wieġeb, għal aktar minn darba, li għandha tiġi kkunsidrata.
Ġurnalist – “Jeħtieġ ikollna armata Ewropea, għandna mmorru ’l hemm?”
Alex Perici Calascione – “Għalxiex m’għandniex nikkunsidrawha, għaliex m’għadniex nikkunsidraw.”
Ir-risposta tal-Viċi Kap Nazzjonalista tingħaqad ma’ dikjarazzjonijiet ta’ esponenti oħrajn fl-istess Partit, fosthom tal-eks Viċi Kap Nazzjonalista David Agius u li llum kandidat għall-Parlament Ewropew li saħansitra ddikjara li lest jibgħat lil uliedu jiġġieldu fil-gwerra.
Quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard reġgħet staqsiet lill-Viċi Kap Nazzjonalista dwar dak li qal ftit tas-sekondi qabel. Iżda din id-darba biddel il-verżjoni.
Ramona Attard – “Inti qed taqbel ma’ dak li qal David Agius li nibgħatu lit-tfal tagħna jew lin-nies tagħna għal xi armata Ewropea?”
Alex Perici Calascione – “Għedtlek hekk jiena?”
Ramona Attard – “Hekk għedt, għedt li għandna nikkunsidrawha.”
Alex Perici Calascione – “Ma għedtlek xejn, jien.”
Fl-istess programm, ġiet ittratta s-saga tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-ksur tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti għal aktar minn tliet snin.
Wara li l-Kap tiegħu wkoll ammetta li l-PN ma jistax isib awditur biex jiffirmawlu r-rapporti finanzjarji u dawk tad-donazzjonijiet, Perici Calascione, li wkoll kien responsabbli mill-finanzi tal-Partit, qal li ma tistax tfaqqa’ subgħajk u ssib awditur.
Ramona Attard – “Hawn daqstant awdituri, jaħtfuhom mill-Università”.
Alex Perici Calascione – “Iva, aqbad faqqa’ subgħajk u ssib awditur!”
Fl-aħħar jiem, dwar din il-kwistjoni, anke l-gazzetti lokali qajmu diversi mistoqsijiet dwar il-vera raġuni għaliex il-Partit Nazzjonalista mhux isib awdituri, li lesti jaħdmu fit-taħwida manja li hemm fil-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.