Il-Viċi Kap Nazzjonalista Alex Perici Calascione ammetta li l-Partit tiegħu kien u għadu maqtugħ min-nies bl-aġir tiegħu u l-politika li qed jadotta, kemm meta kien fil-Gvern u anke issa mill-Oppożizzjoni. Dan qalu meta kien qed jieħu sehem fil-programm ‘Id-Dibattitu’ fuq ONE, li tratta t-12-il sena ta’ Gvern Laburista.
Perici Calascione l-ewwel irrikonoxxa li l-Gvern ta’ GonziPN ma kienx qed imur tajjeb man-nies.
“Kien minnu li lejn l-aħħar tal-amministrazzjoni Nazzjonalista ħafna nies bdew jarawna esaġerati żżejjed.”
Alex Perici Calascione – il-Viċi Kap tal-PN
Perici Calascione baqa’ jsostni l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jivvota kontra l-Budgets ta’ Gvern Laburista għal skop partiġġjan.
“Il-Budget f’xogħol parlamentari huwa l-ġurnata li trid tagħti fiduċja jew mhux fiduċja lill-Gvern.”
Alex Perici Calascione – il-Viċi Kap tal-PN
Infatti, Budget wara l-ieħor, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvotat kontra li tiġi ndirizzata l-għoli tal-ħajja.
Mitlub isemmi x’kien jagħmel differenti biex jindirizza l-isfidi li ffaċċja l-pajjiż matul dawn it-12-il sena, il-Viċi Kap Nazzjonalista ma lissen ebda proposta.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg fakkru fil-kisbiet u r-riformi li bdew minn Joseph Muscat u komplew isiru minn Robert Abela.
“Jekk fl-2012 kellek seba’ persuni jfittxu x-xogħol għal kull post vakanti, u llum in-numri nqalbu bil-kontra, jiġifieri għandek 7 vacancies għal kull persuna tfittex ix-xogħol.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Id-Deputat Prim Ministru fakkar kif dan il-Gvern qaleb ta’ taħt fuq ukoll is-settur tal-enerġija biex in-nies qed igawdu minn kontijiet orħos tad-dawl u l-ilma u minkejja l-isfidi internazzjonali.
“Immaġinaw dawn l-isfidi kollha fi 12-il sena ta’ pandemija, gwerra u sfidi ekonomiċi mondjali, illum il-familji Maltin u Għawdxin iħallsu kontijiet tad-dawl u l-ilma ta’ qabel l-2008.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Dr Borg qal li Gvern Laburista mhux supperv u wara 12-il sena l-poplu jħares lejn iż-żewġ partiti u jibqa’ jagħti mandat lill-Partit Laburista għax għandu l-aħjar nies u l-aħjar ideat biex jindirizza l-isfidi u joħloq l-opportunitajiet għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.