Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, jiġifieri fit-tieni tliet xhur tas-sena, il-vetturi elettriċi żdiedu b’aktar minn erbgħin fil-mija meta mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Mill-istatistika ħareġ li, bejn April u Ġunju, kien hemm żieda ta’ 7,129 vettura elettrika fit-toroq Maltin.
L-akbar żieda ta’ vetturi elettriċi kienet fl-e-kick scooters, fil-karozzi tal-passiġġieri u fil-muturi, fost oħrajn.
Fit-tieni kwart tas-sena, kien hemm ukoll żieda ta’ tmien karozzi tal-linja elettriċi.
Minn din l-istatistika ħareġ ukoll li, sat-tieni tliet xhur ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ aktar minn tnax fil-mija tal-karozzi f’pajjiżna li kienu tat-tip plug-in hybrid petrol, meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel. Dan filwaqt li ż-żieda ta’ plug-in hybrid diesel kienet ta’ sebgħa fil-mija.
Miċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li f’pajjiżna b’kollox hawn inqas minn erba’ mija u għoxrin elf vettura. Minnhom, aktar minn ħamsa u sebgħin fil-mija tal-vetturi huma karozzi tal-passiġġieri.