Is-selezzjoni Maltija tal-Veterani rebħet it-Trevor Francis Memorial Cup meta f’logħba internazzjonali li ntlagħbet f’Amersham huma għelbu lit-tim tal-partitarji Ingliżi 5-4 wara l-għoti tal-penalties.
Kienet logħba ferm bilanċjata u emozzjonanti bil-Maltin li għalkemm kienu qed jitilfu 3-1, irnexxielhom iżommu l-konċentrazzjoni sabiex eventwalment ġabu l-iskor indaqs u marru għall-għoti tal-penalties fejn hemmhekk kienu preċiżi tant li skorjaw il-ħames xuttijiet tagħhom bl-Ingliżi li fallew wieħed mix-xuttijiet mill-11-il metru.
L-iskor sa tmiem il-ħin regolamentari kien dak ta’ 3-3 bil-Maltin li skorjaw il-gowls tagħhom minn Adam Smeir, Andrew Cohen u Gareth Sciberras.
Dan kien it-tieni konfront bejn iż-żewġ nazzjonijiet hekk kif f’Ġunju li għadda, il-Maltin kienu rebħu 3-0 fil-logħba li kienet intlagħbet fil-Luxol Stadium.
Is-selezzjoni Maltija tal-Veterani lagħbu b’din il-formazzjoni:
Mario Muscat, Jeffrey Chetcuti, Brian Said, David Camilleri, Michael Galea, Andrew Cohen, Gareth Sciberras, Jonathan Pearson, Adam Smeir, Jamie Pace, Stephen Wellman.
F’xi ħin fil-partita, daħlu jilagħbu wkoll Sean Sullivan, Alex Muscat, Malcolm Camilleri, Garrett Magri, Trevor Cilia u Kevin Sammut.