Is-sena 2020 timmarka t-tletin anniversarju tal-Jum Internazzjonali tal-Anzjani. Sena li rat ukoll it-tifqigħa tal-imxija tal-COVID-19, li qajmet taqlib u saram kbir mad-dinja kollha.
Fil-Jum Internazzjonali tal-Anzjani, il-President tal-Għaqda Veterani Laburisti, Dr Anthony DeGiovanni, irrimarka li meta tikkunsidra r-riskji serji li jaffaċċjaw persuni ta’ età avvanzata meta tfaqqa’ xi pandemija bħall-COVID-19, il-politika, l-interventi amministrattivi u inizjattivi f’waqthom għandhom jixprunaw aktar minn qatt qabel l-għarfien tal-bżonnijiet partikolari tal-anzjani.
Il-Veterani Laburisti saħqu wkoll fuq il-ħtieġa li l-anzjani nfushom jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jissalvagwardjaw saħħithom stess. Daqstant ieħor importanti s-sehem tal-anzjani nfushom fil-prevenzjoni u billi jitħejjew tajjeb biex jaffaċċjaw sew din il-pandemija kif ukoll sfidi oħra ġodda.
Dan l-istess jum ipoġġi fil-lenti wkoll is-sehem imprezzabbli tal-ħaddiema kollha ta’ kull grad u professjoni li jaħdmu fis-setturi kollha tal-kura soċjali u tas-saħħa li huma essenzjali biex il-persuni ta’ età avvanzata jkollhom l-aqwa kwalità tal-ħajja.