Id-dellijiet tal-iżbalji fattwali u d-dikjarazzjonijiet kuntrastanti tal-Partit Nazzjonalista tul il-kampanja elettorali fosthom dawk li kkonċernaw il-manifest elettorali, baqgħu jippersistu anke fil-ġimgħa wara li tħabbar ir-riżultat.
Din id-darba dwar l-istatut tal-Partit Nazzjonalista stess wara li qamu mistoqsijiet dwar liema distretti se jwaqqgħu kandidati Nazzjonalisti eletti mill-ewwel distrett.
Fi stqarrija t-Tnejn waranofsinhar il-Partit Nazzjonalista bagħat il-lista ta’ kandidati eletti għal-leġislatura li jmiss. Qabel temm l-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal ukoll li kandidat li jiġi elett minn żewġ distretti “għandu jivvaka s-siġġu f’dak id-distrett fejn ġab l-anqas persentaġġ ta’ voti f’dak l-għadd li fih ikun ġie elett.”
Madankollu siegħa wara l-istess partit ħareġ korrezzjoni fuq dan il-punt partikolari.
Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista ċċara kif fil-fatt kandidat “għandu jċedi s-siġġu f’dak id-distrett fejn ġab inqas persentaġġ ta’ voti fl-ewwel għadd bħala persentagg tal-kwota distrettwali.”
Dan b’differenza għall-ewwel stqarrija fejn il-Partit Nazzjonalista qal li kandidat irid jċedi dak is-siġġu li ġab l-inqas persentaġġ ta’ voti, fl-għadd li jkun ġie elett minnu.
B’rabta ma’ dawn l-inkosistenzi s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, f’komunikazzjoni mal-kandidati eletti u li rrappurtat dwarha l-gazzetta MaltaToday, qal kif minn dawn iż-żewġ verżjonijiet, it-tajba hija dik fejn jiġi vakat siġġu f’dak id-distrett fejn inkiseb l-inqas persentaġġ ta’ voti fl-ewwel għadd bħala persentaġġ tal-kwota distrettwali.
Dan wara li l-Partit Nazzjonalista kien approva numru ta’ emendi fl-istatut tiegħu f’Lulju tas-sena li għaddiet. Emendi li nkludew din il-kjarifikazzjoni.
Madankollu titwila lejn l-istatut tal-Partit Nazzjonalista fuq is-sit uffiċjali tal-istess Partit nerġgħu naraw bil-kontra.
Dan hekk kif minkejja li sarulu l-emendi fih, l-istatut tal-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ġiex aġġornat. Fil-fatt il-faċċata tiegħu turi li l-istatut huwa dak ta’ Ġunju 2020 minflok ta’ Lulju 2021.
Fil-fatt, l-istatut kif imniżżel fuq l-internet jerġa’ jikkontradixxi dak li kjarifika Michael Piccinino nnifsu u jgħid li għandu jiġi vakat is-siġġu fl-għadd bl-inqas persenteġġ min fejn ġie elett il-kandidat.
B’hekk it-taħwid fil-verżjonijiet differenti tal-manifest elettorali tal-Partit ta’ Bernard Grech hu wkoll rifless fil-verżjonijiet differenti tal-istatut.