Il-ħruġ uffiċjali tal-verżjoni Maltija tar-rumanz ta’ Nicholas Monsarrat, Il-Kappillan ta’ Malta, sar il-Ġimgħa, 20 t’April, 2018, f’Palazzo De La Salle, il-Belt Valletta. It-traduzzjoni hija tal-awtur magħruf ta’ Is-Salib tal-Fidda, Wistin Born.
“Il-Kappillan ta’ Malta hu rumanz għal żmienna,” qal Fr. Mark Montebello, l-editur tal-ktieb, “Mhux biss ifakkar l-istorja mqallba tal-Gżejjer Maltin u jiċċelebra s-sbuħija tal-ilsien Malti, imma wkoll jagħti messaġġ qawwi ta’ kuraġġ u tama lil kulmin jinsab imħabbat mill-hemm tal-ħajja.”
It-traduzzjoni saret minn Wistin Born ftit xhur wara li kien ħareġ ir-rumanz fl-1973 biex Charles Arrigo jaqrah fuq ir-Rediffusion. Ir-rumanz inqara fl-aħħar xhur qabel ma s-servizz tar-Rediffusion intemm għal kollox fil-bidu tal-1975.
Fil-ħruġ sar qari drammatizzat ta’ siltiet mir-rumanz. Il-qari, magħmul b’sengħa u sbuħija kbira, sar minn Clive Piscopo, Lee-N Abela u Joseph Galea.
Monsarrat kiteb Il-Kappillan ta’ Malta f’Għawdex. Huwa għex l-aħħar għaxar snin ta’ ħajtu, mill-1968 sa mewtu fl-1979, fir-raħal ċkejken ta’ San Lawrenz.
Membri tal-udjenza fil-ħruġ fakkru l-ħidma kbira u siewja li Wistin Born għamel mar-Rediffusion għal ħafna snin, il-ġmiel tal-ilsien Malti wżat fit-traduzzjoni tar-rumanz, kif ukoll il-qawwa u s-sbuħija tar-rakkont ta’ Monsarrat.
Il-ktieb, ippubblikat mill-Pubblikaturi SKS, jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin għall-prezz ta’ €12.99.