Il-Partit Popolari Ewropew iħaddan fih minestra ta’ ħafna partiti illi huma tal-lemin u taċ-ċentru, ħafna fdalijiet ta’ partiti illi kienu jgħid u li huma demokristjani fosthom hemm ukoll illum il-Partit ta’ Berlusconi.
Iċ-ċampjin bħala rappreżentant tal-partit ta’ Berlusconi huwa ċertament Tajani li kien barax geddumu jgħorku mal-ispalla ta’ Silvio Berlusconi meta kien għadu l-Italja. Imbagħad għamlu kummissarju. Meta Tajani ra li mhux se jkun imġedded bħala kummissarju, ħareġ għall-elezzjonijiet Ewropej u tela’ u allura issa għax kien imiss lil Partit Popolari li jkollu ċ-ċermen il-President tal-Parlament Ewropew, Tajani resaq ‘il quddiem u rebaħ.Huwa fatt li l-Partit Popolari Ewropew fejn magħhom hemm ukoll it-Taljani, hemm ukoll in-Nazzjonalisti Maltin, għandhom sehem importanti.
Pero` li jiġu nies bħal dawn ‘il quddiem u jippruvaw ikunu Imħallfin tal-verġinita` ta’ pajjiż ieħor, lili turtani bil-kbir. Il-Partit ta’ Berlusconi meta kien fil-Gvern u bl-istess mexxej li għandu ċioe` Silvio Berlusconi, ġie misjub ħati li kien xtara membri tal-Parlament u waqqa’ l-Gvern ta’ Prodi. Is-sentenza kienet riċenti. Għalkemm ir-reat ġie ddikjarat preskritt, però` il-kummenti fis-sentenza kienu li r-reat li kien kommess kien ta’ korruzzjoni li xtara membri tal-Parlament u kien hemm ir-riżultat li kien hemm. Din hija l-aqwa sistema demokratika, illi tista’ teżisti f’pajjiż illi jinxtraw il-membri biex iwaqqgħu l-Gvern. Dawn huma l-istess nies li se jikkummentaw fuq ir-Rule of Law f’Malta.
Pero` daqstant ieħor il-Partit Nazzjonalista jekk jgħolli mnieħru ‘l fuq malajr isib xi jxomm. Biżżejjed wieħed isemmi’ r-reat ta’ storn, (embezzlement) meta l-Gvern bil-Ministru tiegħu mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament jieħdu flus ta’ sitt mitt ewro fil-ġimgħa mingħajr ħadd ma kien jaf u meta biss inqabdu qalu se nagħtuhom lura. Dan ma jfissirx li kien hemm ir-Rule of Law jew il-ħlas lura qatel ir-reat.
Lanqas hemm Rule of Law f’Malta li l-Partit Nazzjonalista jidħol fi ftehim ma’ kumpanija biex nies li jaħdmu miegħu jidhru fuq il-kotba ta’ kumpanija kummerċjali u allura hemm dikjarazzjonijiet foloz li huma milqutin mill-Artiklu 187 tal-Kodiċi Kriminali u jibqgħu għaddejjin qisu ma ġara xejn u b’wiċċhom minn quddiem jibqgħu jilgħabuha tal-verġni.
Dawn huma fatti illi mhux qed nivvintawhom jew nallegawhom, dawn huma ppruvati, kemm ta’ Berlusconi u kemm il-fatti l-oħrajn dwar il-Partit Nazzjonalista.
Fid-diskussjoni li se jkun hemm, se jkun hemm ħafna verġni li jagħmlu ġudizzju.
Nistennew.