Waqt żjara waqt it-tħejjijiet li qegħdin isiru f’Għawdex għall-festi tal-Milied, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, nieda l-programm tal-Milied u ħabbar li għall-attività ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena, fir-Rabat, Għawdex, il-grupp internazzjonali Venga Boys se jkun il-mistieden speċjali.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema u mal-voluntieri, li jaħdmu kontinwament minn sena għall-oħra biex iżejnu t-toroq u l-pjazez u jtellgħu l-aqwa attivitajiet Għawdxin.
Sas-7 ta’ Jannar li ġej f’Għawdex se jittella’ programm b’bosta avvenimenti ta’ interess għall-familja kollha. Il-Ġimgħa, 24 ta’ Novembru, se jitftaħ l-attivitajiet il-kunċert mingħajr ħlas ‘Christmas It’s Time’ fit-Teatru tal-Opra Aurora, fil-belt Victoria.
Il-qofol se jintlaħaq Lejlet l-Ewwel tas-Sena b’kunċert mill-isbaħ fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, Għawdex bil-parteċipazzjoni ta’ diversi kantanti u artisti lokali fosthom, DCapitals Big Band, MiciMago, Ryan Spiteri, Clint Bajada u Ozzy Lino u l-mistiedna internazzjonali Venga Boys.
Qal, “Illum proprju qegħdin inniedu l-programm mimli attivitajiet għal dawn is-sitt ġimgħat li ġejjin. Sitt ġimgħat ta’ Milied u tal-Ewwel tas-Sena biex, għal darb’oħra, proprju Għawdex ikun magħżul ukoll bħala d-destinazzjoni naturali għal Maltin li jiġu fostna u l-barranin ukoll li jkunu fi gżiritna, kif ukoll għar-residenti tagħna.”
Il-Ministru semma wkoll li din is-sena se jerġa’ jsir il-presepju ħaj – ‘Betlem f’Għajnsielem’. Hu temm billi jistieden lil kulħadd iżur Għawdex f’dawn il-jiem ħalli jgawdi minn avvenimenti u attrazzjonijiet f’bosta rħula li, minn sena għall-oħra, qegħdin ikunu ta’ kwalità għolja, tant li jattiraw diversi viżitaturi lejn il-gżira.
Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet kollha li se jittellgħu f’Għawdex wieħed jista’ jidħol fuq is-sit eventsingozo.com jew jara l-programm minn https://issuu.com/visitgozo/docs/christmas_in_gozo_2023.