Il-Venezwela jinsab f’dittatorjat. Dan kliem il-kap tal-Oppożizzjoni tal-Venezwela Juan Guaidó, li ġedded it-talba tiegħu għal elezzjonijiet ġodda.
Il-ġimgħa li għaddiet, Guaidó ddikjara lilu nnifsu bħala mexxej temporanju tal-pajjiż, u ġie rikonoxxut minn iktar minn għoxrin pajjiż, inkluż l-Istati Uniti.
Minn naħa l-oħra, il-President attwali Nicolas Maduro għandu l-appoġġ tar-Russja, li akkużat lill-Istati Uniti b’indħil illegali.
Huwa maħsub li minn tal-inqas erbgħin persuna mietu fl-inkwiet li nqala’ fl-aħħar żminijiet.
Il-protesti bdew wara li Maduro daħal fit-tieni terminu tiegħu bħala President, b’elezzjoni kontroversjali fejn għadd ta’ kandidati twaqqfu milli jtellqu għal din il-kariga.
Intant, il-Venezwela fl-aħħar xhur daħlet fi kriżi ekonomika, b’inflazzjoni għolja u nuqqas ta’ oġġetti bażiċi, fosthom ikel u mediċini – tant li miljuni telqu mill-pajjiż.