Biex ifakkru l-100 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Santa Venera, għat-tieni darba din is-sena, il-Vendriżi ħarġu fit-toroq bil-vara artistika u devota ta’ Santa Venera.
Iċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Festi Esterni ta’ Santa Venera, Mario Coleiro, stqarr kemm din l-patruna hija għall-qalb il-poplu Venedriż u li festi bħal dawn jgħaqqdu lill-komunità:
“Inħobbuha ħafna, u kburin ħafna b’din il-patruna tagħna u li niċċelebraw dawn il-festi hija xi ħaġa importanti, għax b’hekk nuru l-komunità li għandna fir-raħal tagħna”.
Mument ħelu kien waqt li l-purċissjoni waqfet quddiem id-dar fejn miet San Ġorġ Preca, fejn hemmhekk sar talb għaż-żewġ qaddisin, bl-iżgħar abbati tal-parroċċa jippreżenta bukkett tal-fjuri lill-istatwa ta’ Santa Venera.
Il-Kappillan ta’ din il-Parroċċa, Patri Maurice Abela, stqarr magħna li jinsab grat għall-parruċċani tiegħu kollha u li din il-festa żgur ser tħalli l-frott:
“Nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak li sar fl-imgħoddi, u nħarsu ‘l quddiem ħalli nkunu parroċċa ħajja kemm jista’ jkun kif jixtieq il-Mulej”.