Mil-lum ’il quddiem il-veleni tal-bebbux u l-bugħarwien jistgħu jinxtraw biss minn nies awtorizzati bħal ma huma l-bdiewa.
Dan biex jiġi żgurat li jiġi evitat avvelenament ta’ ċertu annimali.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern b’reazzjoni għal lista b’seba’ proposti mill-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali f’forma ta’ prijoritajiet li għandhom jinkisbu għall-ħarsien tal-annimali fosthom dik tat-tneħħija ta’ veleni perikolużi li nsibu fis-swieq lokali b’mod wiesa’ u li ġieli jkun hemm xi abbużi fl-użu tagħhom.
Fil-fatt, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ wara li ġiet varata konsultazzjoni pubblika mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur rigward l-użu xieraq ta’ dawn il-valeni.
“Nista’ ngħid li kien hemm rispons qawwi ħafna minn nies u NGOs. Primarjament nista’ ngħid li kienu kollha jaqblu mal-porposta li saret għaliex din il-proposta qegħda primarjament hemmhekk biex tgħin u nnaqqsu d-dannu li jista’ jsiru lill-annimali.”
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista spjega kif il-proposti tal-Awtorità sabu l-appoġġ sħiħ tal-imsieħba, l-Gvern u l-għaqdiet mhux governattivi.
“Pestiċida li s-soltu kien komuni li ssibu fuq l-ixkaffa bħall-metaldihyte li jintuża fil-kontroll tal-bebbux issa dan ġie limitat li jiġi użat biss minn nies professjonali u l-għan aħħar kien li nipproteġu annimali oħra li jistgħu issa jsofru minn dan l-użu ta’ dan il-velenu.”
Intant il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, emfasizza l-importanza ta’ din id-deċiżjoni u li tkompli tħares l-annimali.
“Il-bejgħ ta’ dan il-velenu se jkun f’idejn professjonisti li jafu tajjeb x’inhu dan il-velenu u jkunu jistħgu jamministraw u jagħtu l-pariri aħjar ta’ kif għandu jiġi mgħoti. B’dak il-mod aħna qed inħarsu l-annimali tagħna u minn naħa l-oħra qed naraw li jekk hemm bżonn jingħata, jingħata imma taħt il-ħarsien dejjem ta’ nies professjonisti.”