Il-Papa Franġisku ordna biex jiġi pprojbit ix-xiri ta’ sigaretti mingħajr dazju fil-Vatikan mill-bidu tas-sena d-dieħla.
Greg Burke, kelliem għall-Vatikan, qal li din il-Belt ma tistax tkompli taċċetta prattika li qed tagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem.
Madwar 5,000 ħaddiem u dawk li ħarġu bl-irtirar fil-Vatican, bħalissa għandhom aċċess biex jixtru sigaretti mingħajr taxxa. Il-bejgħ tas-sigraretti hu suq li jiswa miljuni ta’ ewro fi profit fil-Vatikan.
Burke argumenta li l-ebda ammont ta’ ewro mhu biżżejjed biex jikkumpensa il-ħajja tal-bniedem. Huwa uża statistika tal-World Health Organisation li turi biċ-car li f’sena, madawar seba’ miljun mewt hu kkawżat bit-tipjip tas-sigaretti.
Bħalissa l-ħaddiema tal-Vatikan jistgħu jixtru sa ħames grosos sigaretti kull xahar minn ħanut ta’ mingħajr dazju.