Il-ħobż li jintuża biex tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija fil-quddiesa kattolika Rumana ma jistax ikun mingħajr glutina minkejja li jista’ jkun magħmul minn organiżmi ġenetikament modifikati.
Dan spjegah il-Vatikan f’ittra li ntbagħtet lill-isqfijiet.
F’din l-ittra l-Kardinal Robert Sarah qal li l-ħobż li jintuża’ jista’ jkollu ftit glutina iżda jrid ikun fih biżejjed proteina.
Il-Kardinal qal li r-regoli ġodda huma neċċessarji għaliex il-ħobż użat issa qed jinbiegħ fil-ħwienet u fuq l-internet.
Il-Kattoliċi Rumani jemmnu li l-ħobż u l-inbid, waqt l-Ewkaristija jinbidlu fil-ġisem u d-demm ta’ Kristu.
L-inbid li jintuża’ għandu jkun ukoll “naturali, magħmul mill-għeneb, pur u ma jkunx imħallat ma’ sustanzi oħra,” qal il-Kardinal Robert Sarah. Dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ fuq ix-xewqa tal-Papa Franġisku.