Wara xogħol ta’ restawr intensiv u induratura ġdida u oriġinali li sar fuq il-vara titular ta’ Santa Venera Verġni u Martri, din se tinġieb lura f’Santa Venera nhar it-Tnejn, 24 ta’ Lulju, biex tieħu l-post li jixirqilha fiċ-ċelebrazzjonjiet li qegħdin isiru bħala parti mill-festa titular li jilħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ħadd, 30 ta’ Lulju – Jum il-Festa.
Meta Santa Venera saret parroċċa bil-limiti indipendenti tagħha nhar l-4 ta’ Settembru 1918, ir-residenti tar-raħal bdew jaħsbu biex ikollhom vara ta’ daqs tajjeb biex tinħareġ proċessjonalment fl-ewwel festa titular ta‘ din il-parroċċa l-ġdida sena wara. Kien Tumas Dalli, benefattur kbir tal-knisja ta’ Santa Venera, li daħal biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż involuti.Il-vara nħadmet minn Karmenu Mallia minn Ħal Qormi, imlaqqam Il-Lhudi, li rnexxielu joħroġ opra aristika mill-isbaħ. Billi s-sena d-dieħla l-Parroċċa ta’ Santa Venera se tfakkar l-ewwel ċentinarju tagħha, ittieħed ħsieb biex isir ix-xogħol ta’ restawr u induratura ġdida li l-bżonn tagħhom kien ilu jinħass is-snin.
Issa dan ix-xogħol tlesta u l-vara titular ta’ Santa Venera VM se tinġieb lura f’Santa Venera nhar it-Tnejn, 24 ta’ Lulju. Il-vara se tasal f’Misraħ Santa Venera fis-6.00p.m.fejn titbierek mill-Provinċjal Patri Alexander Vella O.Carm.
Il-vara mbagħad titwassal sal-Knisja Parrokkjali akkumpanjata mill-banda tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Venera u mill-Fratellanza tas-Sagrament, fejn tingħata l-Barka Sagramentali.
Kif il-vara tasal fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tingħata l-Barka Sagramentali. Il-vara mbagħad tiddaħħal fil-knisja u titqiegħed fuq il-bankun għall-qima tal-pubbliku. Aktar tard isir kunċert fuq iz-zuntier mill-Kor ta’ Santa Venera.