F’ġurnata xemxija f’nofs Novembru,mijiet ta’ Bormlizi ħonqu toroq f’Birkirkara kif ukoll f’Raħal Gdid hekk kif l-istawa tal-Kunċizzjoni bdiet triqtha lura lejn Bormla.
Kienet ġurnata mistennija ħafna mill-Bormlizi, bl-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni reggħet lura f’Bormla wara pellegrinaġġ li sar b’tifkira ta’ dak li gara ħamsa u sebgħin sena ilu.
Il-Baned tat-Tlett ibliet kollha ipparteċipaw f’dan il-Pelegrinagg storiku, li wieħed simili jaf jerġa’ jsir ħamsa u għoxrin sena oħra.
Fl-aħħar jiem, l-istatwa tal-Kunċizzjoni kienet fil-Bażilika ta’ Santa Liena f’Birkirkara, fl-okkażjoni tal-ħamsa u sebgħin sena minn meta l-istatwa ttieħdet mill-Bażilika ta’ Birkirkara lejn il-kolleġġjata ta’ Bormla fi tmiem il-qilla tat-Tieni Gwerra Dinija.
Il-purċissjoni tmexxiet mill-arċipriet ta’ Bormla, il-Kanonku Anton Cassar.
B’versi irrimati minn folla ta’ nies li imxew wara l-istatwa, din għamlet xi ħin fil-knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Gdid, fejn spikkat ix-xena tal-vara ta’ Kristu Re jħares lejn ommu Marija.
“Okkażjoni unika li tara żewġ vara titulari fejn xulxin fi knsija fl-istess ħin.” Saħaq Dun Marc Andre Camilleri.
Il-purċissjoni laħqet il-qofol tagħha hekk kif il-vara reġgħet lura fil-Knisja Kolleġġjata ta’Bormla, biex jibdew il-preparamenti għall-festa tat-tmienja ta’ Diċembru.