Kif kien mistenni, eluf ta’ Maltin u turisti qasmu jew se jaqsmu lejn Għawdex f’dawn il-jiem sinonimi ma’ Santa Marija u x-shutdowns, li jseħħu f’dan iż-żmien tas-sena, anke għax il-festa pubblika tal-Ħamis ħabtet ideali għal tmiem il-ġimgħa itwal għal ħafna.
L-erba’ vapuri tal-Gozo Channel – il-Melita, il-Gaudos, Ta’ Pinu u Nikolaos – qed jaħdmu b’mod kontinwu biex jgħabbu l-vetturi u l-passiġġieri u b’hekk il-ħin ta’ stennija jkun minimu kemm jista’ jkun.
Dwar dan, ONE News tkellem maċ-Chairperson tal-Gozo Channel, fejn żvela kif attwalment l-erba’ vapuri qed jgħabbu u jitilqu l-ħin kollu mill-ewwel biex ma jinġema’ l-ebda kju twil, partikolarment minn Malta.
Qal, “Ta’ kull sena numru kbir ta’ Maltin jaqsmu lejn Għawdex biex igawdu dan iż-żmien f’din il-gżira. Din is-sena ma kinitx b’inqas. Rajna l-istess volumi ta’ nies li jaqsmu s-soltu u fil-fatt il-Gozo Channel qed taħdem b’erba’ vapuri non-stop u pprovajna nagħmlu minn kollox biex inlaħħqu mad-domanda li kien hemm min-naħa taċ-Ċirkewwa. Dan l-andament se jibqa’ sejjer matul it-tmiem il-ġimgħa u anke matul il-ġimgħa li ġejja u aħna ninsabu ppreparati biex nagħtu l-aħjar servizz lil dawk li jaqsmu lejn Għawdex, imbagħad lura lejn Malta.”
Waqt li l-influss bħalissa hu mill-Port taċ-Ċirkewwa lejn dak tal-Imġarr fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu, il-folja tinqaleb kompletament, b’mod partikolari, mill-Ħadd li ġej, b’eluf ta’ Maltin jirritornaw lura lejn djarhom.
Fil-portijiet stajna anke ninnotaw il-kordinazzjoni sħiħa li kien hemm bejn il-ħaddiema tal-kumpanija Gozo Channel u l-Pulizija biex jidderieġu t-traffiku li jista’ jinġema’.
Minbarra, l-Gozo Channel, oħrajn qasmu mill-Belt lejn l-Imġarr Għawdex bil-fast ferry, fi vjaġġ ta’ tliet kwarti bejn iż-żewġ gżejjer.
Sadanittant, rapporti f’siti oħrajn tal-aħbarijiet li kkwotaw lil Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, ingħad kif din il-ġimgħa mistennija tilħaq il-qofol tas-settur turistiku fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet.
Fil-fatt Muscat ġie kkwotat jgħid li l-postijiet ta’ akkomodazzjoni huma kważi kollha meħudin u li dawk li ħallew għall-aħħar sabuha ferm diffiċli biex jibbukkjaw kamra għal lejl jew aktar.