Żvolta fil-każ tal-vapur OpenArms bil-Gvern Spanjol jawtorizza lill-kaptan tal-vapur jidħol fil-port ta’ Barċellona b’60 immigrant abbord li ġew salvati mill-ibħra territorjali Libjani. L-aħbar ġiet ikkonfermata lill-ġurnal Spanjol El Pais minn sorsi qrib il-Gvern Spanjol.
It-talba biex il-vapur jidħol f’Barċellona saret is-Sibt waranofsinhar lis-servizz ta’ salvataġġ marittimu ta’ Spanja. Il-vapur kien qiegħed jistenna l-awtorizzazzjoni li jidħol f’port sigur fl-Ewropa wara li wettaq operazzjoni ta’ salvataġġ fiż-żona Libjana ta’ tiftix u salvataġġ bejn il-Libja u Lampedusa.
Fi tweet, is-Sindku ta’ Barcellona, Ada Colau, qalet li l-belt kienet lesta li tagħti l-awtorizzazzjoni lill-vapur jidħol f’Barcellona. Il-vapur tal-OpenArms huwa wieħed minn bosta ta’ għaqdiet mhux governattivi li jopera fiċ-ċentru tal-Mediterran biex jgħabbu l-immigranti li jkunu telqu mil-Libja għal ħajja aħjar fl-Ewropa.
Is-Sindku ta’ Barċellona kitbet li talbet l-awtorizzazzjoni tal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanches biex iħallihom isalvaw il-ħajjiet. Qalet li ma riedux ikunu kompliċi mal-politika tal-mewt tal-Viċi Prim Ministru Taljan Matteo Salvini.
Aktar kmieni matul il-jum, Salvini pprova jqarraq meta ddikjara li Malta kienet l-eqreb art għall-vapur OpenArms.
Akkuża miċħuda b’mod immedjat mill-Ministru Malti Michael Farrugia li wera bil-fatti li l-eqreb port kien dak ta’ Lampedusa u mhux Malta.
Fil-fatt fi tweet, il-Ministru Farruiga wieġeb lill-Ministru Salvini u ddikjara li l-intervent tal-vapur OpenArms seħħ fiż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ tal-Libja bejn il-Libja u Lampedusa, fl-Italja.
Mingħajr tidwir, il-Ministru Farrugia, appella lill-Minitru Taljan Salvini biex jieqaf ixerred aħbarijiet skorretti u jżeffen lil Malta fin-nofs bla raġuni.
Il-Ministru ppubblika wkoll mappa li turi l-pożizzjoni tal-vapur li turi biċ-ċar li l-eqreb port sigur għall-vapur OpenArms jinsab bejn il-Libja u Lampedusa u mhux Malta kif allega Salvini.