L-Italja se tħalli l-vapur tal-Gwardja tal-Kosta Taljana Diciotti jidħol fil-port ta’ Catania. Il-bastiment qed iġorr 177 immigrant. Madanakollu, il-Ministru għall-Intern Matteo Salvini għadu ma tax l-awtorizzazzjoni biex l-immigranti jitħallew jinżlu l-art.
Il-Ministru għat-Trasport Taljan Danilo Toninelli kkonferma dan fuq Twitter.
La nave #Diciotti attraccherà a Catania. I valorosi uomini della @guardiacostiera hanno compiuto il proprio dovere salvando vite umane ad appena 17 miglia da Lampedusa. Ora l’Europa faccia in fretta la propria parte.
— Danilo Toninelli (@DaniloToninelli) August 20, 2018
Għal dawn l-aħħar jiem, il-bastiment kien fl-ibħra Taljani jistenna deċiżjoni mill-Awtoritajiet Taljani dwar fejn għandu jiżbarka l-immigranti li ġew salvati l-Ħamis li għadda mill-Gwardji tal-Kosta Taljani fiż-żona Maltija ta’ tiftix u salvataġġ.
Il-Gvern Malti tenna li l-immigranti rrifjutaw l-għajnuna tal-Forzi Armati u baqgħu jinsistu li jbaħħru lejn il-gżira ta’ Lampedusa.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li Malta ma aċċettatx li l-immigranti jinġiebu Malta la darba tgħabbew fuq vapur militari Taljan. Qal li t-Taljani huma legalment responsobbli tal-każ u spjega li l-interċetazzjoni seħħet ħafna eqreb ta’ Lampedusa u għalhekk kienet deċiżjoni tal-Italja ddaħħalhomx Lampedusa jew port ieħor fl-Italja.
Min-naħa tiegħu, il-Minsitru għall-Intern Michael Farrugia qal li l-pożizzjoni ta’ Malta hija ċara u r-responsabbiltà hija kollha tat-Taljani.