Bl-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta, iddaħħlu f’pajjiżna l-immigranti li ġew salvati għaxart ijiem ilu wara li spiċċaw f’limbu bejn sema u ilma.
Illejla f’Xatt it-Tiben tniżżlu f’Malta permezz ta’ patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta l-immigranti li kienu ilhom numru ta’ ġranet abbord il-vapur Alan Kurdi ftit ’il barra mill-kosta Maltija.
L-immigranti kollha li tniżżlu f’Malta se jitqassmu bejn erba’ stati membri Ewropej.
Stqarrija tal-Gvern aktar kmieni llum qalet li permezz ta’ kordinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u bil-kollaborazzjoni ta’ Malta, l-immigranti abbord il-vapur Alan Kurdi se jitqassmu fil-Ġermanja, Franza, il-Portugall, u l-Lussemburgu.
Dan ifisser li ħadd minn dawn l-immigranti mhu se jibqa’ Malta, u l-vapur ma tħalliex jidħol f’pajjiżna.
L-immigranti – tnax-il mara, żewġ persuni taħt l-età inkluż tarbija, u l-bqija rġiel, ġejjin fost l-oħrajn mill-Benin, Cameroon, Ghana, Kosta tal-Avorju, in-Niġerja, u s-Senegal.
All 64 migrants onboard #AlanKurdi will be disembarked and redistributed between #Germany, #France, #Portugal and #Luxembourg thanks to effective coordination by @EUCommission and #Malta. None will remain in Malta, which cannot shoulder this burden alone -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) April 13, 2019