Il-valuri demokratiċi se jibqgħu fil-qalba tal-politika Maltija.
Dan kien il-prinċipju li fuqu bbaża l-messaġġ tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela, f’indirizz virtwali li għamel waqt summit organizzat mill-President Amerikan, Joe Biden, li fih tkellmu diversi dinjitarji.
Il-Prim Ministru Malti tkellem dwar il-gwerra fl-Ukrajna u kif din qed tikser b’mod sfaċċat, il-valuri prinċipali tad-demokrazija; id-drittijiet tal-bniedem, l-integrità territorjali, is-sovranità, u s-saltna tad-dritt.
Huwa saħaq fuq l-importanza li jitwassal messaġġ inekwivoku ta’ għaqda mal-Ukrajna biex iċ-ċittadini jżommu d-dritt tagħhom għall-paċi, ħelsien u demokrazija.
Qal, “This Summit comes at the right time to send a collective and unequivocal message: together, we stand with Ukraine, and uphold their right to peace, freedom and democracy.”
Dr Abela elenka l-ħidma li saret f’Malta fil-qasam tal-governanza, li saħansitra ġiet rikonoxxuta mill-Financial Action Task Force, l-FATF, u qal li l-valuri demokratiċi huma u se jibqgħu fil-qalba tal-politika f’Malta.
Żied li pajjiżna jinsab konvint li s-soċjetà ma tistax tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha mingħajr ma tagħti l-għodda meħtieġa biex kull ċittadin jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Stqarr, “Malta is convinced that society cannot reach its full potential without enabling every individual to thrive without gender-based obstacles. We are determined to continue to build on the progress made and spearhead further reforms.”
Hawnhekk semma d-demokrazija tal-ġeneru u kif din tibqa’ prijorità ewlenija għall-Gvern immexxi minnu.
Dr Abela tenna li qed iħares ’il quddiem li jkompli jirriforma fejn meħtieġ għal futur aħjar, għaliex fi kliemu, l-azzjoni – jew in-nuqqas tagħha, hija dik li tiddetermina l-futur.
Qal ukoll, “Malta is proud to be part of the Summit for Democracy process. We stand firm in our resolve to work with all of you, on an ambitious set of commitments. Our action, or inaction, will determine our future. And I believe collective action, is crucial for our future.”