Il-Port il-Kbir se jospita l-ikbar spettaklu ta’ kull żmien waqt il-Valletta Pageant of the Seas li se ssir fis-7 ta’ Ġunju mill-5.30pm ‘il quddiem.
La Fura Dels Baus se jagħtu wirja spettakolari, hekk kif se jirritornaw f’pajjiżna b’korjografija ġdida għall-Valletta Pageant of the Seas. Dawn tal-aħħar għamlu d-debutt tagħhom f’Malta waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-Belt Valletta, fejn tellgħu spettaklu kbir fi Pjazza Tritoni. In-narrattiva hi ispirata mir-relazzjoni li teżisti bejn Malta u l-baħar, u se tiġi ppreżentata minn parteċipanti Maltin li ħadmu id f’id mal-kumpanija Spanjola. Il-filosofija tal-grupp hi dik li tingħata definizzjoni ġdida għall-ispazju permezz tal-użu ta’ spazji mhux tas-soltu; kwalità li żgur li se toħroġ fil-beraħ waqt l-ispettaklu fil-Port il-Kbir.
Il-Grand Entry se tagħti bidu għall-ispettaklu; pageant epika fejn il-Granmastru, flimkien ma’ In Guardia, jidħol fil-Port il-Kbir fuq il-Fernandes li se jkun imżejjen apposta għall-okkażjoni, akkumpanjat minn numru ta’ dgħajjes privati. In Guardia se jkunu qed jakkumpanjaw lill-Granmastru waqt li lebsin l-ilbies tal-epoka sinonimu magħhom. Il-grupp hu magħruf għar-reċtar tal-epoka ta’ diversi avvenimenti storiċi f’Malta, u ha sehem ukoll f’wirjiet f’pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, Sqallija u l-Ġermanja.
Il-programm għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Valletta Pageant of the Seas, li hi wkoll parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, jibda’ wara nofsinhar fil-festa pubblika u jibqa’ sejjer sa tard filgħaxija, b’diversi attivitajiet sportivi binhar, u ċelebrazzjonijiet ikkuluriti billejl.
Waqt il-Valletta Pageant of the Seas, il-Port il-Kbir se jospita ballun tal-logħob tan-nar li se jikser ir-rekord. Dan ġie maħdum mill-kamra tan-nar ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq, għandu dijametru ta’ 53 pulzier, u se jikser ir-rekord nazzjonali li nkiseb sentejn ilu, meta l-istess kamra tan-nar ħadmet ballun b’dijametru ta’ 38 pulzier li ġibed l-attenzjoni ta’ ġurnalisti u turisti madwar id-dinja. Dan il-ballun se jkun parti minn wirja piroteknika ikbar, li tikkonsisti f’logħob tan-nar fl-ajru kif ukoll fuq il-baħar sinkorinizzat mal-mużika, bil-parteċipazzjoni tal-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi, u l-kamra tan-nar tal-Indipendenza tal-Qrendi.
Apparti l-wirja ta’ piroteknika, wara nżul ix-xemx il-Port il-Kbir se jkun animat bi projezzjonijiet fuq purtiera tal-ilma, wirja ta’ iktar minn għoxrin dgħajsa tal-qlugħ imżejna bi bnadar u dwal u wirja esklussiva tal-opra mużikali Aħna Refuġjati li se titnieda uffiċjalment f’Awwissu 2018.
Matul il-jum se jkun hemm ukoll numru ta’ tlielaq kompetittivi. Il-pubbliku mistieden jipparteċipa fl-Għawma Toni Bajada; attività tal-għawm fejn parteċipanti se jgħumu fil-Port il-Kbir minn Forti Sant’Anġlu sal-Belt. Din l-għawma tiċċelebra lil Toni Bajada, li skont il-leġġenda kien jgħum bejn Sant’Anġlu u Sant’Iermu waqt l-Assedju l-Kbir biex jaqsam informazzjoni importanti li jkun irnexxielu jiġbor mill-Ottomani mal-Kavallieri. Dawk interessati li jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw dakinhar stess f’Xatt il-Barriera (ħdejn il-Pixkerija l-antika), fl-4pm.
Se ssir ukoll regatta, fejn għadd ta’ qaddiefa Maltinu internazzjonali se jkunu qed jaqdfu mid-Dwana l-antika lejn Ras Ħanżir u lura. It-tim rebbieħ se jingħata l-Palju de Vallette; bandalora sewda disinjata minn Antoine Farrugia, mżejna b’disinn Barokk li jirrappreżenta s-seba’ distretti u d-dgħajjes li qed jieħdu sehem fir-regatta.
Iktar minn għoxrin parteċipant se jkunu qed jużaw il-kreattività tagħhom biex joħolqu r-raftijiet tagħhom minn materjal riċiklat mingħajr l-għajnuna ta’ mutur jew moqdief waqt it-Tellieqa Telliqun, filwaqt li tnax-il powerboat tat-tip Chaudron se jippreżentaw il-korjografija tagħhom fil-Port il-Kbir.
Għalkemm l-ispettaklu hu viżibbli minn diversi postijiet madwar il-Port il-Kbir, il-pubbliku hu mħeġġeġ li jsegwi l-ispettaklu min-naħa tal-Belt Valletta.
It-toroq bejn Evans Building u l-Għolja tal-Kurċifiss (ħdejn il-Valletta Waterfront) se jkunu magħluqa għat-traffiku (b’eċċezzjoni għar-residenti) bejn il-Ħamis 7 ta’ Ġunju fid-9AM u l-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju fis-1AM.
Dan l-avveniment hu organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni ma’ In Guardia, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Birkirkara St Joseph Sports Club, Għaqda Regatta Nazzjonali, Chaudron Powerboats, Surfside Charter Company Ltd, Mad About Video Ltd, La Fura Dels Baus, is-Soċjetà Mużikali ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq, il-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ, u l-Independent Fireworks Factory. Dan l-avveniment hu ssapportjat mill-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ir-Red Cross, il-kunsilli lokali rispettivi tal-Belt Valletta, l-Furjana, l-Isla u l-Kalkara, il-Kunsill Malti għall-Arti u Heritage Malta.