Minkejja l-pandemija Coronavirus, u t-talbiet tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jiġi evitat il-ħruġ u l-kuntatt man-nies, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħasbet li ttella’ għal sena oħra l-Valletta Green Festival.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li l-ħames edizzjoni tal-Valletta Green Festival tikkonsisti esklussivament mill-infjorata fi Pjazza San Ġorġ.
Din se tkun qed tixxandar fuq l-internet permezz ta’ live streaming bejn is-7 u l-10 ta’ Mejju.
Is-Sur Micallef qal: “L-infjorata kuljum anka bil-lejl se tkun tista’ titgawda permezz ta’ siti soċjali fuq il-midja permezz ta’ live streaming, permezz ta’ cameras li waħħalna fuq faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru sabiex il-pubbliku xorta jgawdi din l-infjorata li ilha popolari f’dawn l-aħħar ħames snin.”
Xogħol l-artista Lisa Marie Kähler, u ispirata mid-disinni ta’ fjuri u l-forom tal-Art Nouveau, l-infjorata bl-isem ta’ ‘Beeodiversity’ titfa’ dawl fuq il-bijodiversità, it-tema tal-Valletta Green Festival għal din is-sena.
Il-Ministru Josè Herrera qal li permezz tal-live streaming l-pubbliku ġenerali xorta se jkun jista’ jgawdi dan l-ispettaklu minn daru.
Intant is-Sur Micallef esprima l-fehma li l-ħajja fil-belt tirritorna għan-normal fi żmien qasir.
Huwa sostna: “Determinati li l-ħajja li kien hawn fl-aħħar tliet snin fil-Belt Valletta tirritorna lura bil-mod fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”