Il-ġnien fuq il-binja tal-Valletta Design Cluster huwa wieħed mir-rebbieħa tal-kategorija ‘City Landscape’ tal-konkors internazzjonali Premio Concorso “City Brand & Tourism Landscape Award” minn Paysage Topscape.
Il-proġett tal-Valletta Design Cluster huwa parti mil-legat tal-Valletta 2018 il-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura u huwa spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva.
Dan il-proġett li issa jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, kien parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej u b’kollox ġie jiswa €10.4 miljun.
Il-proġett Malti ġie ppreżentat għal dan il-premju mill-Arkitett Frank Muscat ta’Doric Studio, li hija l-kumpanija ta’ arkitetti li rebħet it-tender biex isir il-ġnien.
Dan il-premju għandu l-għan li jippromwovi u jfittex bilanċi ġodda għall-ispazji li huma mfassla biex jippermettu relazzjoni, kemm fiżika u kemm teoretika fejn jiġu promossi sinerġiji ġodda fi ħdan il-bini u n-natura għad-dinamika urbana ġdida.