L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini rrakkomandat li l-vaċċin għall-Covid-19 tal-AstraZeneca biex jiġi approvat.
L-EMA qalet li dan il-vaċċin huwa sigur u effettiv għal persuni li għandhom aktar minn 18-il sena.
Fl-aħħar jiem, kumitat xjentifiku fil-Ġermanja ħareġ jgħid li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni dwar kemm il-vaċċin hu sigur għall-persuni li għandhom aktar minn 65 sena. Dan il-vaċċin, li nħadem ukoll b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Oxford, kien ġie approvat biex jintuża fir-Renju Unit qabel il-festi.
Intant l-Unjoni Ewropea ppubblikat il-kuntratt li kellha mal-AstraZeneca hekk kif fl-aħħar jiem kien hemm battibekki bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-kumpanija dwar il-kunsinji mwiegħda.
Aktar tard, l-Unjoni Ewropea kkonfermat ukoll li se tintroduċi kontrolli ġodda dwar il-mod kif id-dożi tal-vaċċin qed jitqassmu bejn l-Istati Membri.
Il-Kummissjoni qalet li s-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini jibqgħu prijorità.