It-tim ta’ Oxford li qed jaħdem biex jiżviluppa vaċċin kontra l-COVID-19, qal li hemm rispons inkoraġġanti fost nies ta’ età avvanzata li qed jieħdu t-tilqima.
Tliet vaċċini oħra – ta’ Pfizer u BioNtech, Sputnik u Moderna, ukoll irrapportaw riżultati pożittivi fl-aħħar jiem.
Intant, fl-Istati Uniti qed ikomplu jiżdiedu l-każijiet, hekk kif issa l-imwiet minħabba l-COVID-19 qabżu l-kwart ta’ miljun, u ġew irreġistrati aktar minn ħdax-il miljun każ ta’ infezzjonijiet.
Sadanittant, id-Direttur tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-Ewropa, Hans Kluge, qal li s-sistemi tas-saħħa fil-kontinent mhux ilaħħqu mad-domanda, hekk kif medja ta’ persuna kull sbatax-il sekonda qed imutu minħabba l-pandemija.
Din il-ġimgħa biss ġew irreġistrati disgħa u għoxrin elf mewt fl-Ewropa.
Qal li għal darb oħra, l-Ewropa hija l-epiċentru tal-pandemija flimkien mal-Istati Uniti, u filwaqt li wera tama għall-futur minħabba l-vaċċin, tenna li s-sitt xhur li ġejjin se jkunu ibsin.
Appella wkoll għall-ilbies tal-maskri, għaliex jekk ħamsa u disgħin fil-mija tal-popolazzjoni tilbes il-maskra u ssegwi miżuri oħra bħall-ħasil tal-idejn ta’ spiss u żżomm distanza soċjali, ma jkunx hemm bżonn ta’ lockdowns.