L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatrija appellat lill-ġenituri ta’ tfal li għandhom bejn it-12 u 15-il sena sabiex jaċċettaw l-istedina tal-awtoritajiet tas-saħħa u jieħdu lit-tfal tagħhom jitlaqqmu kontra l-Covid-19.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Pedjatrija qalet kif il-vaċċin tal-Covid-19 li qed jintuża għal tfal ta’ bejn it-12 u 15-il sena mhux biss huwa sigur, iżda anke jippreveni każijiet serji ta’ infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet b’dan il-virus.
Intqal ukoll kif adoloxxenti li huma mlaqqma kontra l-virus ser jipprevenu wkoll l-imxija tal-virus lill-qraba, lil sħabhom u lil nies oħra oħra li huma vulnerabbli għal kumplikazzjonijiet assoċċjati mal-Covid-19.
Din l-istqarrija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatrija waslet jiem wara li tħabbar li l-addoloxxenti li għandhom bejn 12 u 15-il sena bdew jirċievu l-istedina sabiex jitlaqqmu kontra l-Covid-19.