“Minn dak li qed jgħidulna l-esperti fil-qasam tas-saħħa jidher biċ-ċar li l-vaċċin poġġiena f’sitwazzjoni li hija aktar sigura milli konnha f’mumenti oħra fejn kien hemm żidiet fin-numru ta’ infezzjonijiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan waqt li kien qed ikun mistoqsi dwar il-laqgħa li kellu mal-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern Thierry Breton, fuq ONE Radio il-Ħadd filgħodu.
Dr Abela spjega kif waqt din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi madankollu b’mod prominenti l-mod ta’ kif Malta ġġieldet il-pandemija: “Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li l-Kummissarju Breton iddeskriviena bħala ċ-champions tal-vaċċinazzjoni u fil-fatt, iż-żjara tiegħu hawnhekk kienet propju biex jifirħilna ta’ dan is-suċċess u huwa fatt li konsistentement qed nibqgħu l-pajjiż bl-aktar roll-out tal-vaċċin b’saħħtu u effettiv.”
B’reazzjoni għall-aħħar żviluppi tal-pandemija, Dr Abela tenna li Malta bħal fil-bqija tad-dinja trid tibqa’ tiġġieled din il-marda b’għaqal, minkejja li l-Oppożizzjoni mhux tingħaqad mal-messaġġ tal-Gvern.
Dr Abela tenna biex kull min hu eliġibbli għall-vaċċin, jitlaqqam. Dan hekk kif l-esperti u s-sitwazzjoni fl-isptar qed juru li l-vaċċin verament jaħdem.
Huwa sostna: “Jidher biċ-ċar li l-vaċċin poġġiena f’sitwazzjoni li hija aktar sigura milli konna f’mumenti oħra fejn kien hemm żidiet fin-numru ta’ infezzjonijiet fost oħrajn ir-realtà fl-isptar li għandna llum, fl-ITU b’mod partikolari li tixhed kemm din is-sitwazzjoni hija taħt kontroll però fl-istess waqt kif sostnejt fl-aħħar ġimgħat, nibqa’ nibgħat il-messaġġ li għadna ma wasalniex.”
Il-Prim Ministru fakkar kif minn għada jistgħu jitlaqqmu dawk li m’għandhomx appuntament għat-tilqima permezz ta’ mobile unit li se jżur il-lokalitajiet Maltin.
Intant Dr Abela assigura li dan il-Gvern se jibqa’ jassigura l-bilanċ tant importanti bejn is-saħħa tal-poplu u l-għejxien tiegħu.
Il-Prim Ministru saħaq: “Mhux biss sostnejna x-xogħol imma qed noħolqu wkoll opportunitajiet ġodda biex inkomplu nħejju lil pajjiżna għall-futur. Hekk se nibqgħu nagħmlu fiż-żmien li ġej li nkomplu nieħdu ħsieb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/07/18/se-nibqghu-nirriformaw-u-se-nibqghu-nimxu-l-quddiem-bhala-pajjiz-il-pm/