Flimkien ma’ Malta, il-Ħadd bdew jitlaqqmu n-nies fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan wara li t-Tnejn li għadda l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini rrakomandat il-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer u ftit wara l-Kummissjoni Ewropea approvat din ir-rakkomandazzjoni biex jitqassam fil-pajjiżi Ewropej.
Matul dawn l-aħħar jiem, fil-pajjiżi kollha madwar l-Unjoni Ewropea, inkluż f’pajjiżna, tqassmu għaxart elef doża tal-vaċċin.
Fost l-ewwel persuni li ngħataw dawn l-ewwel dożi madwar is-sebgħa u għoxrin membru stat tal-Unjoni Ewropea hemm tobba, infermiera u anzjani.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet kif dan huwa mument ta’ unità bejn il-komunità Ewropea.
Fir-Repubblika Ċeka, il-Prim Ministru Andrej Babis ħa l-ewwel doża ta’ din it-tilqima.
Fl-Italja, ħames infermiera mit-Taqsima tal-Mard Infettiv ġo sptar f’Ruma ngħataw l-ewwel dożi.
Fl-Ungerija, l-ewwel persuna li tlaqqam kien tabib, u fl-Awstrija u l-Kroazja, l-ewwel persuna li tlaqqmet kontra l-Coronavirus kienet anzjana.
Fi Spanja, tlaqqmet anzjana ta’ sitta u disgħin sena li toqgħod f’dar tal-anzjani.
L-għan tal-Unjoni Ewropea huwa li sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-vaċċin ikun disponibbli għall-adulti kollha.