“Il-vaċċin huwa l-arma tagħna biex nipproteġu lin-nisa tqal.”
Sostna dan il-Kap tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei il-Professur Yves Muscat Baron, hekk kif tenna li l-COVID-19 waqt it-tqala jista’ jwassal għal ħafna kumplikazzjonijiet.
Għalhekk, reġa’ tenna dwar il-protezzjoni li joffri l-vaċċin fost in-nisa tqal u anke dawk li mhumiex.
Saħaq li bħalissa fit-taqsima għall-Kura Intensiva hemm żewġ nisa tqal jirċievu l-kura wara li nstabu pożittivi għall-Covid-19.
Prof. Muscat Baron spjega: “Bħalissa għandna żewġ nisa tqal li qegħdin l-ITU u għandhom bżonn iżjed għajnuna bl-ossiġnu, issa kemm jista’ jkun ma rridux nidħlu fl-ITU, mara tqila kemm jista’ jkun tevita dawn il-kumplikazzjonijiet. Il-vaċċin, hu muri li jipproteġi lin-nies mill-COVID, u aħna ħafna minn nies li qed jidħlu l-isptar issa kemm tqal u mhumiex huma dawk li ma ħadux il-vaċċin.”
Huwa qal li barra minn Malta sar eżerċizzju ta’ tilqim fost 130,000 nisa tqal, li wera kif mara li tkun qed tistenna tarbija tkun f’inqas riskju meta tkun imlaqqma kontra l-COVID milli meta ma tkunx.
Il-vaċċin li qed jieħdu n-nisa tqal huwa tal-BioNTech/Pfizer u tal-Moderna.
Spjega wkoll ir-raġuni għala t-tilqim għal nisa tqal f’Malta qed jingħata wara l-ewwel tliet xhur tat-tqala: “It-tarbija fl-ewwel tliet xhur għadu qed jifforma u jiżviluppa u nkunu aktar kawti biex nagħtuha fit-tieni u tielet trimestru, ukoll l-aktar li kellna problemi bil-COVID li jattakka l-pulmun huwa fit-tieni u tielet trimestru, voldieri fl-aħħar mill-aħħar se nolqtu fejn vera għandu bżonn.”
Intant għal dawk il-koppji li qed jippjanaw biex ikollhom it-tfal, il-Professur tenna wkoll biex min għadu ma tlaqqamx, jitlaqqam.
Dan għaliex il-ġenituri flimkien mat-tabib ikollhom moħħhom mistrieħ li l-vaċċin inaqqas ir-riskji ta’ COVID waqt it-tqala.
Il-Professur Muscat Baron kellu l-istess messaġġ għal dawk l-ommijiet li ħelsu, b’mod speċjali jekk il-mara qed tredda’ lit-tarbija.
Huwa sostna: “L-omm tagħti antibodies, il-protezzjoni lit-tarbija, allura inti se tagħmel ġid bit-treddigħ tal-ħalib tas-sider tal-omm, però iżjed u iżjed qed tagħti protezzjoni lit-tarbija tiegħek mill-COVID, jiġifieri huwa rrakkomandat.”
Iżda, il-messaġġ għat-tilqim mhux qed isir biss għall-ommijiet, imma anke għall-missirijiet, għaliex jekk jitlaqqmu huma jkunu wkoll qed jipproteġu lill-uliedhom u lill-omm.
Fl-aħħar nett, segwi l-pariri tat-tobba biex tipproteġi lilek u lill-wild tiegħek.