“Il-vaċċin tat-tfal huwa sigur u jnaqqas bosta kumplikazzjonijiet.”
Dan huwa kliem il-Konsulent Pedjatriku b’esperjenza, il-Professur Victor Grech, li kellu messaġġ wieħed għall-ġenituri tat-tfal bejn il-ħames snin u l-ħdax-il sena.
F’kummenti li ta lil dan l-istazzjon propju fil-jum li beda jingħata l-vaċċin lil din il-kategorija t’eta f’pajjiżna, il-Professur Grech qal kif meta wieħed ilaqqam lil ibnu jew bintu jkun qed inaqqas ir-riskju ta’ xi kumplikazzjoni.
Qal, “Il-vaccine issa huwa tested, ma tantx għandha nkwiet fuqha, aħna min-naħa tagħna nimbuttawha ħafna. Ir-raġuni hija li bħal ma qed naraw varjant wara varjant ħa jibqa’ jdur, allura l-aħjar flok tilgħab russian roulette, li t-tifel jew tifla tiegħek ilaqqat il-Covid u jlaqqat il-kumplikazzjonijiet tal-Covid, allavolja r-riskji huma żgħar, ir-riskju li jaqbadhom xi kumplikazzjoni mit-tilqima huwa ferm inqas mir-riskju ta’ Covid li dejjem idur u fl-aħħar jigdmek u jagħmillek xi ħaġa.”
Il-Konsulent fl-Isptar Mater Dei żied jgħid kif it-tfal imlaqqmin bil-vaċċin kontra l-Covid-19 ikunu fl-istess ħin qed jipproteġu lil dawk vulnerabbli, inkluż lil sħabhom u qrabathom.
Spjega, “Jekk it-tfal ikunu mlaqqmin, qed jipproteġu tfal oħra illi t-tilqima ma ħadmitx, bħal tfal li jirkupraw mill-kimoterapija, jipproteġu wkoll adulti li għandhom problemi, tipo n-nanniet li forsi hemm minnhom li ħadu t-tilqima bil-booster b’kollox u ma tantx ħadmet.”
It-tabib tat-tfal f’messaġġ ċar qal li l-vaċċin diġà beda jingħata lit-tfal f’pajjiżi oħra u kollox qed juri li dan jaħdem.
Qal, “Id-doża hija inqas apposta għat-tfal, dawn huma ttestjati barra minn Malta, fil-laboratorji u fi gruppi żgħar, u issa barra minn Malta taw mijiet t’eluf ta’ dożi fit-tfal s’issa jiġifieri minn jgħidlek ma nafux x’ħa jiġri, attwalment nafu.”
Il-kunsinji tal-vaċċin għat-tfal waslu f’Malta t-Tnejn u mal-ewwel bdew jingħataw lit-tfal vulnerabbli.
Wara imbagħad tibda maratona ta’ ħidma u tilqim biex it-tfal f’pajjiżna jkunu mlaqqma huma wkoll.