Matul il-jum tal-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela beda jieħu sehem f’summit tal-Kunsill Ewropew virtwali.
Dan is-summit kellu jsir fi Brussell bħal ma jsir is-soltu iżda minħabba ż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19 madwar il-kontinent Ewropew, ġie deċiż li dan l-ewwel summit formali tal-Unjoni Ewropea għal din is-sena jsir b’mod virtwali.
Fuq l-aġenda ta’ dan il-kunsill, hemm il-pandemija tal-Covid-19.
Il-mexxejja Ewropej qed jiddiskutu x-xiri konġunt ta’ tal-vaċċin tal-Covid-19, bil-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel iddefendiet il-programm ta’ tilqim konġunt li għaddej madwar l-Unjoni Ewropea.
Dan is-suġġett qiegħed fuq l-aġenda ta’ dan is-summit, wara li l-Kanċillier Awstrijak kien ilmenta li Malta qed tirċievi wisq dożi tal-vaċċin.
Minn qabel l-ewwel każ pożittiv tal-Coronavirus, Malta kienet appellat lill-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm xiri konġunt tal-vaċċin kontra dan il-virus.
Intant dwar il-pandemija, il-mexxejja Ewropej qed jiddiskutu wkoll il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea kif għandu jaħdem il-passaport tal-vaċċin biex jiġi faċilitat safar sigur.
Dwar dan il-passaport intqal kif dan se jkun fuq il-bażi ta’ dawk in-nies imlaqqma, dawk li jkollhom test negattiv u li dawk li kienu pożittivi għall-virus u imbagħad l-immunità tagħhom telgħet.
Malta, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela kienet fost l-ewwel pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li kienet appellat sabiex isir dan il-passaport ħalli jiġi faċilitat is-safar b’mod sigur.
F’Jannar li għadda, is-sit awtorevoli Politico kien irrapporta dwar ittra li kien bagħat il-Prim Ministru Malti Robert Abela lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen.
Matul il-ġurnata tal-Ħamis ukoll, il-Parlament Ewropew qabel dwar dan il-passaport.
Aktar tard matul, il-jum tal-Ħamis, f’dan is-summit se jkun qed jieħu sehem il-President tal-Istati Uniti Joe Biden.
Hawnhekk, is-sebgħa u għoxrin mexxej tal-pajjiżi Ewropej, flimkien mal-President Biden se jiddiskutu l-koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.
F’dan is-summit se jkun qed jiġi diskuss ukoll is-suq waħdieni u anke l-irwol internazzjonali tal-munita Ewro.