Qal, “Mhux kull marda li tista’ tiġri f’xi ħadd li ħa t-tilqima hija neċessarjament ikkawżata mill-vaċċin. Hawn qed nenfasizza u nirreferi għall-każijiet tat-trombożi.”
Il-Kap tad-Dipartiment għall-Mard Infettiv, il-Professur Michael Borg spjega li l-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea ma sabitx rabtiet bejn it-trombożi u l-vaċċin AstraZeneca.
Spjega, “Filfatt l-EMA u hawn qed nitkellem fuq l-AstraZeneca. Għamlet riċerka estensiva fuq il-miljuni li ħadu din it-tilqima u ħarġet dikjarazzjoni ċara u tonda li m’hemm l-ebda assoċjazzjoni bejn it-trombożi tal-vini tas-saqajn inkella t-trombożi tal-arterji tal-pulmun.”
Il-Professur Borg kompla jispjega li t-trombożi f’pajjiżna mhux kundizzjoni inkomuni.
Sostna, “Dawn jiġru qisu tmenin każ kull mitt elf jiġifieri kull ġimgħa aħna jkollna sitt każijiet ta’ trombożi tal-vini tas-saqajn u allura jista’ jkollok każ li kumbinazzjoni xi ħadd ikun ħa t-tilqima u għal raġuni kompletament differenti taqbdu t-trombożi.”
Hawnhekk għamel referenza għal dak li qed iseħħ fir-Renju Unit fejn dan il-pajjiż jinsab fuq quddiem nett fid-dinja b’ammont ta’ persuni li tlaqqmu bil-vaċċin tal-AstraZeneca.
Qal, “Laqqmu aktar minn għoxrin miljun persuna u għandhom notification system effiċjenti, u biha sabu 79 każ li minnhom kellhom 19-il mewt. Inqas minn wieħed kull miljun.”
Għalhekk, il-Kap tad-Dipartiment għall-Mard Infettiv ma ħalla l-ebda dubju dwar il-benefiċċji tal-vaċċin.
Spjega, “Sabu li bit-tilqim li taw dawk l-20,000,000 evitaw 6,000 mewta jiġifieri meta inti qed nitkellmu fuq it-tilqima tal-Covid l-għażla mhux noħodhiex jew le, imma l-għażla hija li jekk ma noħodhiex se nesponi lili nnifsi għar-riskji tal-Covid li għadhom hemm u l-konsegwenzi tagħhom.”