Il-Union of Professional Educators qalet li mhux ċar għaliex l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, sejħet strajk għas-27 ta’ Novembru. Is-Sibt filgħodu ddikjarat li mhux se tkun qed tipparteċipa f’dan l-istrajk u l-appell hu għal madwar tliet elef membru tagħha li jkomplu bix-xogħol tagħhom.
Skont il-UPE l-istrajk qed isir biex il-President tal-MUT u l-unjin li jirrappreżenta juru r-relevanza tagħhom u jipprovaw juru li għandhom il-poter.
L-MUT hija l-unjin rikonoxxuta u hija fdata bin-negozjar tal-ftehim kollettiv, iżda il-UPE qalet li hemm diversi spjegazzjonijiet li f’dan l-istadju għandha tagħti l-MUT.
“Tista’ l-MUT tgħid b’mod speċifiku għaliex l-għalliema għandhom jistrajkjaw?” qalet l-UPE fl-istqarrija tagħha fost diversi domandi oħra. Hawn kompliet takkuża lil MUT b’nuqqas ta’ trasparenza.
Finalment, qalet l-UPE, ma jistax ikun li l-għalliema jitilfu ġurnata paga bi strajk minħabba dawk li sejħet ‘self-centered leaders.’
Kien il-Ġimgħa li l-MUT qalet li qed isejjaħ strajk u numru ta’ azzjonijiet intdustrijali b’rabta man-negozjati tal-ftehim kollettiv.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qal li l-Gvern hu impenjat li b’rieda tajba jkompli n-negozjati għal dan il-ftehim kollettiv, tant li hemm laqgħa skedata ta’ konċiljazzjoni għal nhar it-Tnejn li ġej.
Żied li fuq il-mejda tan-negozjati l-Gvern diġà poġġa proposti li huma sostanzjali, sostenibbli u li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-edukaturi f’pajjiżna.
Il-Ministeru qies l-azzjonijiet imħabbra f’dan l-istadju mill-MUT bħala azzjonijiet li mhumiex f’lokhom. Fil-fatt tenna li mhuwiex ġust lanqas fil-konfront tal-istudenti u l-familji tagħhom li, meta għaddejjin b’diskussjonijiet, jitħabbru azzjonijiet ta’ dan it-tip.