L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati laqgħet id-deċiżjoni ta’ Malta li tissieħeb fl-isforzi li qegħdin isiru madwar id-dinja biex sa sitt snin oħra tiġi indirizzata b’mod konkret il-problema ta’ refuġjati u immigranti li huma bla ċittadinanza jew kif inhuma magħrufa ahjar bħala stateless.
Fi stqarrija, il-UNHCR faħħret id-deċiżjoni ta’ Malta li tirratifika l-Konvenzjoni tal-1954 dwar il-Persuni mingħajr stat.
“Din hija deċiżjoni importanti u mument storiku għal Malta – pass ta’ min ifaħħru għax b’mod konkret Malta qiegħda tagħti sehemha fil-ħarsien ta’ persuni mingħajr stat biex neradikaw dan il-fenomenu madwar id-dinja“, qal id-Direttur tal-Bureau għall-Ewropa Pascale Moreau.
Ir-ratifika ta’ Malta tal-Konvenzjoni tal-1954 dwar il-persuni mingħajr stat issegwi l-aħbar tal-Gvern li saret waqt laqgħa għolja li matulha saru total ta’ 358 wegħda minn gvernijiet, soċjeta ċivili u minn għaqdiet reġjonali u internazzjonali fosthom 252 stat. Fl-Ewropa Malta, u pajjiżi oħrajn ħabbru 40 inizjattiva biex jilħqu dan l-għan li jġib fi tmiemha din il-problema.
Il-kwistjoni tal-persuni mingħajr stat tolqot miljun ta’ nies minn madwar id-dinja. Ħafna drabi dawn jiċċaħdu mill-jeddijiet bażiċi tagħhom u għarfien uffiċjali li ħafna nies jeħduha bħala xi ħaġa skontata.
Fil-preżent hawn madwar tliet miljun u disa’ mitt elf ruħ mingħajr stat fi tmienja u sebgħin pajjiż. Madankollu, il-UNHR tistma li t-total huwa ferm aktar minn hekk.