Bħalissa, f’Malta hawn numru sostanzjali ta’ artisti li qed jirriċerkaw, iħejju, u jibnu x-xogħlijiet tal-arti tagħhom biex jieħdu sehem bihom fl-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art, li se tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku fit-13 ta’ Marzu 2024, u se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena.
B’kollox se jkunu qed jieħdu sehem mat-80 artist minn 23 pajjiż differenti, u magħhom 20 padiljun nazzjonali u tematiku. Il-maltabiennale.art hu l-uniku biennale li se jittella’ f’diversi siti storiċi. Il-UNESCO qed tqis dal-biennale bħala riflessjoni tal-missjoni li għandha din l-organizazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda, li s -sena li għaddiet tat il-patroċinju tagħha lil dal-festival internazzjonali tal-arti kontemporanja.
Il-UNESCO, flimkien ma’ Heritage Malta, għadhom kemm organizzaw seminar ta’ ġurnata f’Malta għall-artisti li bħalissa jinsabu hawnhekk biex bjaħdmu fuq ix-xogħlijiet artistiċi tagħhom.
Fih ġew diskussi r-relazzjonijiet li għandu jkun hemm bejn dak li hu kontemporanju u s-siti storiċi li fihom se jkun qed jittella’ l-maltabiennale.art 2024. B’kollox se jkun hemm mal-20 sit storiku ddedikat għall-maltabiennale.art 2024, li ħafna minnhom huma fost l-iktar siti popolari ta’ Heritage Malta fil-pajjiż.
Ġew diskussi wkoll l-aħjar metodi u mezzi kif bl-arti jiġi interpretat l-imgħoddi kolonjali ta’ Malta, kif joħorġu iktar il-perspettivi kuratorjali u l-involviment tal-komunità, u r-relazzjoni ta’ din tal-aħħar mal-patrimonju.
Bosta artisti ngħaqdu wkoll virtwalment ma’ dawk preżenti f’das-seminar li sar ġewwa l-MUŻA, li fih kien hemm: kelliema esperti mill-UNESCO, permezz taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Interpretazzjoni u l-Preżentazzjoni ta’ Siti Patrimonjali; uffiċjali ta’ Heritage Malta; u membri mit-tema kuratorjali tal-maltabiennale.art 2024.
L-artisti fis-seminar iddiskutew ukoll ma’ dawn l-esperti l-esperjenzi li qed isibu u jibnu fuqhom f’dal-biennale. Ix-xogħlijiet ta’ dawn l-artisti qed jinbnew fl-MCAST u fil-Valletta Design Cluster, filwaqt li ħafna mir-riċerka qed issir fil-Biblijoteka Nazzjonali.